About Us

Relazzjonijiet Internazzjonali

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu parti mis‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u mill‑Eurosistema.

Is‑SEBĊ hi magħmula mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l‑banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tal‑Istati Membri kollha tal‑Unjoni Ewropea (UE).

Bħala l‑bank ċentrali ta' Stat Membru li adotta l‑euro, il‑Bank Ċentrali ta' Malta hu wkoll parti mill‑Eurosistema li hija s‑sistema bankarja ċentrali taż‑żona tal‑euro. L‑Eurosistema hi magħmula mill‑BĊE u l‑BĊN tal‑Istati Membri tal‑UE li adottaw l‑euro.

Minbarra l‑BĊE u l‑Bank Ċentrali ta' Malta, l‑Eurosistema hi magħmula wkoll minn:

Il‑Banque Nationale de Belgique, id‑Deutsche Bundesbank, l‑Eesti Pank, is‑Central Bank of Ireland, il‑Bank of Greece, il‑Banco de España, il‑Banque de France, il‑Banca d'Italia, is‑Central Bank of Cyprus, il‑Latvijas Banka, il‑Lietuvos bankas, il‑Banque centrale du Luxembourg, id‑De Nederlandsche Bank, l‑Oesterreichische Nationalbank, il‑Banco de Portugal, il‑Banka Slovenije, in‑Národná banka Slovenska, u s‑Suomen Pankki.

Il‑membri l‑oħra tas‑SEBĊ jinkludu:

Il‑Bulgarian National Bank, iċ‑Česká Národni banka, id‑Danmarks Nationalbank, il-Hrvatska Narodna Banka, il‑Magyar Nemzeti Bank, in‑Narodowy Bank Polski, il‑Banca Naţionalǎ a României, u s‑Sveriges Riksbank.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Centrali ta' Malta ilu membru tal‑Kunsill Ġenerali tal‑BĊE mill‑1 ta' Mejju 2004, meta Malta ngħaqdet mal‑Unjoni Ewropea, u membru tal‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE mill‑1 ta' Jannar 2008, meta Malta adottat l‑euro bħala l‑munita tagħha.

Il‑Gvernatur ilu membru wkoll tal‑Bord Ġenerali tal‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB) sa mit‑twaqqif tiegħu fl‑1 ta' Jannar 2011.

Il‑Gvernatur u d‑Deputat Gvernatur huma rispettivament, il‑Gvernatur u l‑Gvernatur Alternanti għal Malta fil‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Il‑FMI għandu rabtiet mill‑qrib mal‑awtoritajiet monetarji fl‑istati membri sabiex jissodisfa l‑obbligi tiegħu ħalli jiżgura li s‑sistema internazzjonali monetarja u tal‑kambju tkun stabbli. Ir‑rabta mill‑qrib bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑FMI ġejja minn obbligi statutorji li l‑Bank daħal għalihom meta Malta ssieħbet fil‑Fond fl‑1968. Il‑Bank hu responsabbli għat‑tmexxija tat‑transazzjonijiet finanzjarji kollha ta' Malta mal‑Fond.

Il‑Gvernatur hu wkoll Gvernatur Alternanti għal Malta fil‑Bord tal‑Gvernaturi tal‑Bank Ewropew għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp (EBRD) u tal-Bank Asjatiku għall-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB). Hu jattendi wkoll għal‑Laqgħa Ġenerali Annwali tal‑Bank għall‑Pagamenti Internazzjonali (BIS) bħala osservatur.

Il‑Bank jissorvelja regolarment l‑iżviluppi fi ħdan dawn l‑istituzzjonijiet kollha u jikkoopera ma' istituzzjonijiet bħal dawn biex titkompla l‑implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda li huma fl‑iskop tal‑mandat tiegħu, b'mod partikolari dawk relatati mal‑istabbiltà monetarja u finanzjarja internazzjonali u l‑iżvilupp ekonomiku.

Il‑Bank jagħti wkoll pariri lill‑Ministeru għall‑Finanzi dwar ċerti kwistjonijiet li jirriżultaw mis‑sħubija ta' Malta fil‑Bank Internazzjonali għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp (IBRD) u fl‑Aġenzija Multilaterali li Tiggarantixxi l‑Investiment (MIGA), li huma istituzzjonijiet tal‑Grupp tal‑Bank Dinji.

Il‑Gvernatur jakkumpanja l‑Ministru għall‑Finanzi għal‑laqgħat informali tal‑Kunsill tal‑UE għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN).

Uffiċjali mill‑Bank Ċentrali ta' Malta jipparteċipaw f'diversi kumitati tal‑UE, tas‑SEBĊ u tal‑ESRB. Uffiċjali għolja jieħdu sehem fil‑Kumitat għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (EFC) li jagħti pariri lill‑Kunsill tal‑UE dwar suġġetti ekonomiċi u finanzjarji. Membri oħra tal‑istaff jieħdu sehem fil‑Kumitat għall‑Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal‑Bilanċ tal‑Pagamenti (CMFB) li jassisti lill‑Kummissjoni Ewropea sabiex tfassal u tħaddem programmi ta' xogħol relatati ma' statistika.

Uffiċjali tal‑Bank jakkumpanjaw ukoll lir‑rappreżentanti tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) f'laqgħat tal‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MFSA huma firmatarji ta' żewġ memoranda ta' ftehim bejn il‑BĊE, il‑BĊN u l‑awtoritajiet superviżorji tas‑SEBĊ: il‑memorandum ta' ftehim tal‑2003 dwar il‑'Prinċipji Għoljin ta' Kooperazzjoni bejn is‑Superviżuri Bankarji u l‑Banek Ċentrali tal‑UE f'Sitwazzjonijiet ta' Maniġġ tal‑Kriżijiet', u l‑memorandum ta' ftehim tal‑2001 dwar il‑'Kooperazzjoni bejn is-Sorveljanti tas‑Sistemi tal‑Pagament u s-Superviżuri Bankarji fit‑Tielet Stadju tal‑Unjoni Ekonomika u Monetarja'. Barra dan, il‑Bank Ċentrali ta' Malta, flimkien mal‑MFSA u l‑Ministeru għall‑Finanzi huma firmatarji tal‑memorandum ta' ftehim tal‑2008 dwar il‑'Kooperazzjoni bejn l‑Awtoritajiet Superviżorji Finanzjarji, il‑Banek Ċentrali u l‑Ministeri tal‑Finanzi tal‑Unjoni Ewropea dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja Transfruntiera' biex jiffaċilitaw il‑maniġġ u r‑riżoluzzjoni ta' kriżijiet finanzjarji sistemiċi bejn il‑pajjiżi.

Memorandum ta' Ftehim

L‑istabbiltà finanzjarja transfruntiera (307kb)