Litteriżmu Finanzjarju

Inflazzjoni

X’nifhmu bil-kelma inflazzjoni? Ħafna drabi n-nies jirreferu għall-‘inflazzjoni’ bħala l-mod kif “qed togħla l-ħajja” jew aħjar kif il-prezzijiet jiċċaqilqu matul perjodu taż-żmien. Il-konsumaturi jesperjenzaw ċaqliq ġeneralment ’il fuq fil-prezzijiet tal-prodotti li jixtru u s-servizzi li jużaw. Pereżempju, ħobża li kienet tiswa €1, issa bdiet tiswa €1.10. L-inflazzjoni tirreferi għar-rata tal-bidla fil-prezzijiet. F’dan il-każ, il-prezz żdied b’10ċ fuq il-valur ta’ qabel. Dan ifisser 10ċ fuq l-euro (li fih 100 centeżmu). Għalhekk ir-rata tal-inflazzjoni fil-prezz tal-ħobża hija ta’ 10%.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kull xahar ikejjel il-prezz ta’ ‘basket’ ta’ oġġetti u servizzi li n-nies jikkunsmaw fil-ħajja ta’ kuljum. Dan il-basket jinkludi fih l-ikel u xorb, elettriku, trasport, ħwejjeġ u żraben, kontijiet tat-telefown, ikliet f’ristoranti u takeaways, eċċ. L-importanza relattiva ta’ kull oġġett fil-basket titkejjel skont kemm jintefaq fuqu matul is-sena. Permezz ta’ stħarriġ fost il-familji msejjaħ ‘Household Budgetary Survey’, l-NSO jikkalkula l-medja tax-xejriet tal-infiq tal-familji sabiex jassenja l-importanza relattiva (jew l-hekk imsejjaħ ‘piż’) ta’ kull oġġett u servizz f’dan il-basket. Sabiex tiġi kkalkulata l-inflazzjoni, l-ispiża totali tal-basket titqabbel minn xahar għal ieħor. Jekk is-sena l-oħra l-basket kien jiswa €100 u din is-sena sar jiswa €103 sabiex tixtri l-istess basket ta' prodotti u servizzi, allura dan ikun ifisser li l-prezzijiet, bħala medja, żdiedu bi €3. Sabiex nikkalkulaw ir-rata tal-inflazzjoni, inqabblu ż-żieda mal-prezz oriġinali: €3 diviżi b’€100 li jirriżultaw 3% meta kkonvertiti f’perċentwal. Dan ifisser li r-rata tal-inflazzjoni matul dak il-perjodu hija ta’ 3%.

Iż-żona tal-euro tuża metodoloġija komuni fil-pajjiżi kollha tal-UE fil-ġbir tal-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi, magħrufa wkoll bħala l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP). Il-bidla medja fl-HICP maż-żmien tirrappreżenta r-rata tal-inflazzjoni għal kull pajjiż.

Minn fejn tiġi l-inflazzjoni?

L-inflazzjoni normalment hija kkawżata minn fatturi relatati mad-domanda u provvista. Pereżempju, żieda qawwija fil-preferenza tal-konsumaturi biex jixtru prodott partikolari x’aktarx twassal għal żieda fil-prezz ta’ dak il-prodott, u għalhekk tinħoloq inflazzjoni. Bl-istess mod, jekk oġġett isir skars fil-provvista, il-prezz tiegħu x'aktarx jiżdied.

Għal pajjiż żgħir bħal Malta, fejn il-prodotti kkunsmati huma normalment prodotti importati, jiġifieri maħduma f’pajjiż ieħor, l-inflazzjoni tista’ tiġi importata wkoll. Pereżempju, żidiet fil-prezzijiet tal-ikel importat u prodotti oħra normalment iwasslu għal prezzijiet ogħla fis-suq lokali. L-aspettattivi jistgħu wkoll ikollhom rwol importanti. Jekk in-nies jistennew li l-inflazzjoni ser tiżdied fil-futur, jippreferu li jantiċipaw ix-xiri biex jiffrankaw. Biss, dan jista' jikkontribwixxi għal inflazzjoni ogħla llum, hekk kif tiżdied id-domanda fil-preżent.

Id-Deflazzjoni

Id-deflazzjoni hija l-oppost tal-inflazzjoni, jiġifieri tnaqqis ġenerali u sostnut fil-prezzijiet. Filwaqt li dan jista' inizjalment jidher ta' benefiċċju għall-konsumaturi, maż-żmien huwa ta' ħsara għall-ekonomija peress li jħalli impatt negattiv fuq l-investiment, l-impjiegi u l-pagi.

Meta n-nies jistennew li l-prezzijiet ikomplu jonqsu, għandhom it-tendenza li jittardjaw l-infiq bit-tama li jixtru aktar tard bi prezz aktar baxx. Dan inaqqas id-domanda, li jista’ jwassal għal profitti aktar baxxi, pagi aktar baxxi u sensji. Dawn il-fatturi min-naħa tagħhom jistgħu jwasslu għal prezzijiet saħansitra aktar baxxi, u hekk ikompli dan iċ-ċiklu vizzjuż.

Għalhekk, b’mod ġenerali, filwaqt li l-prospetti ta’ prezzijiet aktar baxxi jistgħu jidhru ta’ benefiċċju , jista’ jagħti l-każ li jkunu ta’ ħsara kbira.

Il-Banek Ċentrali u l-Istabbiltà fil-Prezzijiet

L-irwol ewlieni tal-banek ċentrali huwa li jżommu l-istabbiltà fil-prezzijiet. Dan ma jfissirx li l-prezzijiet jinżammu l-istess iżda li r-rata taż-żieda fil-prezzijiet (jiġifieri l-inflazzjoni) tibqa’ stabbli. Rata stabbli fiż-żieda tal-prezzijiet tinkoraġġixxi liċ-ċittadini u n-negozji biex jonfqu u jinvestu, minflok joqogħdu lura u jġemmgħu, li tippermetti l-attività ekonomika tikber. Pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu l-għan li jżomm rata ta’ inflazzjoni ta’ 2% fuq żmien medju. Filwaqt li d-devjazzjonijiet fuq żmien qasir jistgħu jiġu ttollerati, fuq żmien medju l-BĊE jfittex li jikseb stabbiltà fil-prezzijiet permezz tal-użu ta' għodod magħrufa bħala strumenti tal-politika monetarja, li jintużaw skont iċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

Inflation Quiz