Sistema domestika ta’ pagament u saldu ta’ titoli
Sistema domestika ta’ pagament, inkluża sistema ta’ saldu ta’ titoli, ma tistax titwaqqaf jew titħaddem jekk is‑sistema ma tkunx approvata u awtorizzata mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta, li legalment għandu s‑setgħa li jissorvelja l‑funzjonament ta’ sistemi domestiċi ta’ pagament biex iżomm l‑istabbiltà u s‑sigurtà ta’ dawn is‑sistemi, u biex jiżgura l‑fiduċja tal‑utenti f’sistemi bħal dawn.
Bis‑saħħa tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, Artikolu 34, il‑Bank hu responsabbli għar‑regolazzjoni u s‑sorveljanza tas‑sistemi domestiċi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli. TARGET2‑Malta u MaltaClear rispettivament, huma maħtura bħala sistemi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli sistemikament importanti, skont l‑Artikolu 10 tad‑Direttiva dwar il‑Finalità tas‑Saldu 98/26/KE. Dawn li ġejjin huma s‑sistemi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli li bħalissa huma awtorizzati mill‑Bank.
TARGET2‑MALTA
Is‑sistema ta’ pagament l‑iżjed għal pagamenti interbankarji ta’ valur għoli f’euro bi flus tal‑bank ċentrali, TARGET2 (Sistema Trans‑Ewropea Awtomatizzata għat‑Trasferiment Malajr bi Ħlas Gross f’Ħin Reali) tnediet b’suċċess fid‑19 ta’ Novembru 2007. It‑TARGET2 tiffunzjona teknikament fuq Pjattaforma Unika Komuni (SSP), u hi operata minn tliet banek ċentrali tal‑Eurosistema, jiġifieri l‑Banca d'Italia, il‑Banque de France u d‑Deutsche Bundesbank, f'isem l‑Eurosistema. F’Malta, is‑servizzi tat‑TARGET2 huma pprovduti mis‑sistema komponenti TARGET2‑Malta.
MaltaClear
Is‑sistema MaltaClear hi mħaddma mill‑Borża ta' Malta plc u hi maħtura mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala sistema ta’ saldu ta’ titoli sistemikament importanti f’termini tad‑Directive No. 2: Payment and Securities Settlement Systems li tittrasponi d‑Direttiva 98/26/KE dwar il‑Finalità tas‑Saldu f’sistemi ta’ pagament u ta’ saldu ta’ titoli.
MaltaClear twaqqfet fl‑2006 u ġiet approvata bħala Sistema ta’ Saldu ta’ Titoli awtorizzata f’termini tal‑Artikolu 34 tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Ir‑regoli ta’ MaltaClear huma inkorporati taħt il‑Kapitlu 7 tal‑Bye‑laws tal‑Borża ta’ Malta plc u jipprovdu għal saldu abbażi tal‑modalità ħlas mal‑kunsinna (DvP) fir‑rigward tat‑titoli kollha nnegozjati fil‑Borża.
Is‑sistema tipprovdi għal ċiklu ta’ saldu ta’ mhux iżjed minn tlett ijiem tax‑xogħol abbażi netta, iżda tippermetti wkoll il‑possibbiltà ta’ saldu gross. Billi s‑saldu jsir abbażi ta’ DvP, ir‑reġistrazzjoni ta’ titoli f’isem ix‑xerrej issir biss wara l‑konferma tal‑wasla tal‑pagament, skont ir‑regoli tas‑sistema u skont id‑dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti għat‑Trasferiment ta’ Titoli Elenkati maħruġa skont l‑Att dwar is‑Swieq Finanzjarji (Kap. 345).
TBClear
TBClear, li twaqqfet fis‑sena 2007, titħaddem mill‑Borża ta’ Malta plc, u twaqqfet għas‑saldu ta’ fondi għal transazzjonijiet individwali bil‑MaltaClear ta’ bills tat‑Teżor abbażi gross u trade‑for‑trade. Iċ‑ċiklu tas‑saldu tat‑TBClear hu T 0, fejn il‑jum tan‑negozju u tas‑saldu huma l‑istess. Għat‑transazzjonijiet kollha li jsiru permezz tat‑TBClear isir saldu abbażi ta’ DvP, fejn is‑saldu finali jseħħ jekk isir saldu finali tal‑fondi. Ir‑regoli tat‑TBClear huma inkorporati taħt il‑Kapitlu 6 tal‑Bye‑laws tal‑Borża ta’ Malta plc.