About Us

Il-Fond Bank Ċentrali ta’ Malta

Il‑Bank jemmen fil‑ħtieġa li jappoġġja attivitajiet edukattivi, kulturali, xjentifiċi, kawżi soċjali ta' statura nazzjonali, kif ukoll il‑protezzjoni tal‑wirt nazzjonali. Għal dan il‑għan, f'Jannar tal-2022 ġie stabbilit il‑Fond Bank Ċentrali ta' Malta b'dawn il-miri u l-għanijiet:  

  • Li jappoġġja u jiffinanzja proġetti ta' statura nazzjonali b'viżibilità dejjiema marbuta ma':
    • l-edukazzjoni, il-lingwa, il-letteratura, l-istorja u dixxiplini umanistiċi oħrajn fost l-oħrajn;
    • attivitajiet kulturali li jinkludu fost l-oħrajn id-drama, iż-żfin, il-mużika, u forom oħra ta' arti;
    • riċerka xjentifika inklużi fost l-oħrajn, il-mediċina, it-trattament xieraq tal-annimali u l-konservazzjoni ambjentali;
    • kawżi soċjali;
  • Li jinkoraġġixxi u jappoġġja r-riċerka, il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt nazzjonali Malti;
  • Li jippromwovi r-riċerka u edukazzjoni ogħla fl-oqsma ta' attività tal-Bank u tal-Fond, u għal dan il-għan, kemm jekk waħdu jew flimkien ma' istituzzjonijiet oħra, sew pubbliċi kif ukoll privati, lokali jew barranin, jipparteċipa f'attivitajiet ta' riċerka u tagħlim, inklużi l-organizzazzjoni ta' konferenzi, seminars, simpożji, u korsijiet ta' tagħlim akkademiku jew tekniku, jagħti boroż ta' studju u rikonoxximenti għall-eċċellenza;
  • Li jikkontribwixxi f'attivitajiet edukattivi, kulturali, xjentifiċi, u kawżi soċjali, sabiex ikun ta' sostenn għal persuni legali involuti f'xogħol sostanzjali volontarju, mhux għall-profitt u/jew filantropiku;
  • Li jgħin lill-individwi b'impenn muri sabiex jaħdmu fuq proġett validu relatat ma' attività edukattiva, kulturali jew xjentifika, li jwassal għal studju, riċerka u pubblikazzjoni.

Il‑Bord Konsultattiv tal‑Fond Bank Ċentrali ta' Malta għandu l‑mandat mill‑Bord tad‑Diretturi biex jidentifika proġetti ta' statura nazzjonali b'viżibilità dejjiema li jistħoqqilhom appoġġ mill‑Bank, permezz ta' fondi mwarrba għal skopijiet mhux relatati man‑negozju.

Il-membri tal-Bord Konsultattiv tal-Fond huma Dr Narcy Calamatta bħala President, il-Professur Yosanne Vella, il-Professur Marvin Formosa u Dr Pauline Lanzon. Dr Jeremy Buttigieg hu s-Segretarju u s-Sur Raymond Filletti huwa l-Projects and Financial Controller.

Fond Bank Ċentrali ta' Malta
Mix-Xellug għal-Lemin: Dr Jeremy Buttigieg, is-Sur Raymond Filletti, il-Prof. Yosanne Vella,
Dr Narcy Calamatta, Dr Pauline Lanzon u l-Prof. Marvin Formosa

Uħud mill-benefiċjarji tal-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Fond matul is-sena 2025 kien hemm il-Fondazzjoni Patrimonju Malti għall-pubblikazzjoni Titles to Talkies, studju dwar l-istorja tal-films u ċ-ċinema f'Malta; il-Fondazzjoni Medina għall-Mużika għax-xiri ta' strumenti mużikali għall-Orkestra Metropolitana ta' San Pawl; il-Knisja Parrokkjali tal-Imsida għar-restawr tal-orgni prestiġjuż tagħha mibni minn Giovanni Felter fl-1899; u l-Knisja Parrokkjali tal-Furjana lejn ir-rikostruzzjoni ta' arkata trijonfali tal-injam, eżempju rari tal-wirt kulturali Malti. Il-Bank wiegħed ukoll appoġġ għar-restawr u l-ittrasformar ta' bini militari Brittaniku mwarrab fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral f'sala għall-avvenimenti b'diversi skopijiet, proġett segwit mill-Heritage Parks Federation; pubblikazzjoni ta' ktieb storiku dwar il-Kalkara mmexxi mill-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara; u pubblikazzjoni dwar l-Investituri fis-Sala ta' San Mikiel u San Ġorġ 1818-1964 mill-Professur Christopher Grech.

Fl-2025, il-Bank wiegħed ukoll l-appoġġ tiegħu għall-akkwist u t-taħriġ ta' kelb gwida u kelb tax-xamm, segwiti rispettivament mill-Fondazzjonali Maltija tal-Klieb Gwida u mill-Amministrazzjoni Maltija tat-Taxxa u d-Dwana.

Il-Fond huwa indipendenti minn kwalunkwe influwenza politika, ideoloġika u/jew denominazzjonali.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu billi timtela din  il-formola u tintbagħat fl-indirizz ta' hawn taħt jew permezz ta'  email:

Central Bank of Malta Fund
Fund Secretariat
Central Bank of Malta 
Castille Place
Valletta – VLT1060