|
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ sett ta' tliet muniti tal‑fidda li jfakkru l‑ferrovija f'Malta. Il‑muniti ġew imnedija fil-15 ta' Mejju 2025 waqt ċerimonja li saret fil-Mużew tal-Ferrovija f'Birkirkara.
Fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑muniti hemm l‑istemma araldika nazzjonali tar‑Repubblika ta' Malta. Fuq in‑naħa ta' wara, il‑muniti juru l‑magni lokomottivi użati f'Malta bejn l‑1883 u l‑1931.
L-ewwel proposta għal ferrovija f'Malta tressqet fl-1870. F'Ġunju tal-1879 ġiet iffurmata l-Malta Railway Company Ltd u ngħatat konċessjoni tal-gvern ta' 99 sena biex tibni linja ferrovjarja bejn il-Belt Valletta u l-Imdina. Il-ferrovija ġiet inawgurata formalment fit-28 ta' Frar 1883. Wara s-suċċess inizjali, il-klijenti naqsu, u f'April 1890 il-kumpanija għalqet in-negozju tagħha. Il-gvern reġa' beda s-servizz ferrovjarju fi Frar 1892. Fl-1895 saru pjanijiet biex il-linja ferrovjarja tiġi estiża lil hinn mill-istazzjon Notabile.
Mina ġiet skavata taħt l-Imdina biex tkun tista' tisfrutta t-traffiku tal-passiġġieri mill-kwartieri tal-Imtarfa. Inbena wkoll stazzjon tal-Mużew, li ismu ngħata wara l-mużew tad-Domus Romana fir-Rabat. L-estensjoni tal-ferrovija ġiet tiswa madwar £20,000 u ġiet inawgurata fid-9 ta' Ġunju 1900. Il-karozzi tal-linja, li ġew introdotti f'Malta fis-snin għoxrin tas-seklu għoxrin, taw id-daqqa fatali lill-ferrovija. Is-servizz ferrovjarju ġie tterminat fit-2 ta' April 1931.
|