Is-Sebgħin Anniversarju tal-Għoti tad-Dritt tal-Vot lin-Nisa
2017
|
Is-Sebgħin Anniversarju tal-Għoti tad-Dritt tal-Vot lin-Nisa
|
|
Fl-2017, il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita tal-fidda li tfakkar is-sebgħin anniversarju minn meta daħlet fis-seħħ il-kostituzzjoni tal-1947, li tat id-dritt tal-vot universali lil kull min kellu aktar minn 21 sena. Din kienet l-ewwel darba li n-nisa Maltin ingħataw id-dritt li jivvutaw - dritt li użaw l-ewwel darba bejn il-25 u s-27 ta' Ottubru 1947.
In‑naħa ta' quddiem tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s-sena tal-ħruġ 2017. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi id qed titfa' vot ġo kaxxa tal-voti. Fl-isfond tidher kitba mill-Kostituzzjoni tal-1947 li tispeċifika li kull min għandu aktar minn 21 sena huwa eliġibbli biex jivvota.
Kien hemm diskussjonijiet sħan dwar l-għoti tad-dritt tal-vot lin-nisa, kif ukoll dwar id-dritt li jikkontestaw f'elezzjoni għal kariga pubblika. Evidenza ta' dan huwa l-fatt li l-Assemblea Nazzjonali, li twaqqfet biex tfassal abbozz tal-kostituzzjoni, bdiet il-ħidma tagħha fl-20 ta' Jannar 1945 mingħajr ebda rappreżentanti nisa. Xahrejn wara, il-Women of Malta Association fl-aħħar tħalliet tidħol fl-Assemblea b'żewġ rappreżentanti, Josephine Burns Debono u Hélène Buhagiar.
In-nisa Maltin ivvutaw l-ewwel darba fl-elezzjonijiet ta' bejn il-25 u s-27 ta' Ottubru 1947. Minn 140,703 votant eliġibbli, 54% kienu nisa. Minn 76,745 votanti nisa rreġistrati, ivvutaw 54,565. Miż-żewġ nisa kandidati, waħda - Agatha Barbara (1923-2002) - ġiet eletta. Hi kkontestat b'suċċess għaxar elezzjonijiet konsekuttivi, ġiet appontata ħames darbiet bħala ministru tal-kabinett, u kienet l-ewwel mara Maltija li saret president tar-Repubblika fl-1982. It-triq lejn ugwaljanza sħiħa u effettiva għan-nisa u l-irġiel ma waqfitx mal-ksib tad-dritt tal-vot tal-1947. Il-proċess għadu wieħed kontinwu.
|
Tip
|
Denominazzjoni
|
Dijametru (mm)
|
Piż Gross (g)
|
Finezza
|
Disinjatur
|
Zekka
|
Stampar
|
Fidda Proof
|
€10
|
38.61
|
28.28
|
0.925
|
Noel Galea Bason
|
Royal Dutch Mint
|
1,500
|