Monetary Policy

Il-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni għall‑politika monetarja

Il‑mekkaniżmu ta' trażmissjoni hu l‑proċess li permezz tiegħu d‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja jaffettwaw l‑ekonomija b'mod ġenerali, u l‑livell tal‑prezzijiet b'mod partikolari.

Teoretikament, minħabba s‑setgħa li tagħtih monopolju fil‑ħruġ tal‑flus, bank ċentrali jista' liberament jiffissa r‑rata tal‑imgħax li juża meta jipprovdi fondi lis‑sistema bankarja. Dan, imbagħad, jinfluwenza r‑rati tal‑imgħax bankarji fuq self u depożiti, kif ukoll fatturi varjabbli oħra, bħalma huma r‑rati tal‑kambju u l‑prezzijiet tal‑assi. Id-deċiżjonijiet talpolitika monetarja jaffettwaw ukoll l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fil-futur. Ir-rati tal-imgħax, il-prezzijiet tal-assi, irrata talkambju u l-aspettattivi jaffettwaw id‑deċiżjonijiet dwar it‑tfaddil u l‑investiment, il‑provvista ta' kreditu, u d‑domanda aggregata. Min-naħa l-oħra, meta d-domanda aggregata tkun ikbar mill-provvista aggregata, dan jiġġenera żieda talpressjoni fuq il‑prezzijiet u viċeversa.

Fil‑prattika, il‑mekkaniżmu ta' trażmissjoni hu nisġa kumplessa ta' interazzjonijiet ekonomiċi. Minħabba f'hekk, il‑banek ċentrali jħabbtu wiċċhom ma' dewmien twil, varjabbli u inċert fil‑kondotta tal‑politika monetarja. Konsegwentement, hu diffiċli li jiġu kkwantifikati l‑effetti preċiżi tad‑deċiżjonijiet tal‑politika monetarja fuq l‑ekonomija u fuq il‑livell tal‑prezzijiet.

Minħabba d‑dewmien fil‑proċess ta' trażmissjoni, bidliet fil‑politika monetarja li jsiru llum jaffettwaw il‑livell tal‑prezzijiet wara xhur, jew anke snin. Dan ifisser li l‑banek ċentrali jkollhom jiddeċiedu liema orjentament tal‑politika monetarja hu meħtieġ illum biex tinżamm l‑istabbiltà tal‑prezzijiet fil‑futur. F'dan is‑sens, il‑politika monetarja trid tħares 'il quddiem.

Barra dan, minħabba l‑kumplessità tal‑proċess ta' trażmissjoni, dejjem ikun hemm element qawwi ta' inċertezza relatata maż‑żmien u d‑daqs tal‑aġġustament ikkawżat minn bidliet fl‑orjentament tal‑politika monetarja. F'dan ir‑rigward, hu preferibbli orjentament tal‑politika monetarja fuq żmien medju biex tiġi evitata volatilità eċċessiva u bla bżonn fl‑ekonomija reali.