SPACE - Studju dwar l-Imġiba tal-Konsumaturi rigward Pagamenti fiż-Żona tal-euro

SPACE - Studju dwar l-Imġiba tal-Konsumaturi rigward Pagamenti fiż-Żona tal-euro

Bħala segwitu għall-Istudju dwar l-Imġiba tal-Konsumaturi rigward Pagamenti fiż-żona tal-Euro (SPACE) ippubblikat f'Diċembru 2020, ser isir stħarriġ ġdid għall-istudju li jmiss, SPACE II, bejn Settembru 2021 u Mejju 2022.

Il-Bank Ċentrali Ewropew ħejja informazzjoni komprensiva dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-istħarriġ li ġej - li qed isir minn Kantar Public - fil-paġna elettronika dwar SPACE. Kantar Public ser tikkuntattja 'l fuq minn 40,000 persuna fiż-żona tal-euro biex jipparteċipaw fl-istudju permezz ta' intervisti onlajn u bit-telefown. Il-parteċipanti mhux se jintalbu jipprovdu informazzjoni sensittiva bħan-numri tal-kards tal-kreditu, u d-data personali tagħhom mhux se tinqasam ma' partijiet terzi.

SPACE jagħti ħarsa lejn kif il-konsumaturi jużaw mezzi ta' pagament bi flus kontanti u b'modi oħra li mhumiex  flus kontanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-istudju jkopri x-xiri u l-pagamenti li jsiru minn individwi fil-mument tal-bejgħ, direttament bejn l-individwi u mill-bogħod (pereżempju meta wieħed jixtri onlajn, jordna bit-telefown jew iħallas il-kontijiet).

SPACE jesplora wkoll il-fatturi li jinfluwenzaw l-attitudnijiet u l-imġiba tal-persuni fir-rigward tal-pagamenti, bħall-mezzi ta' pagament favoriti tagħhom u l-aċċess li għandhom għal kull mezz ta' pagament. L-istudju jgħin lill-Eurosistema biex tifhem id-domanda tal-konsumatur u x-xejriet tas-suq li qed jevolvu, u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti u l-pagamenti.