Payment Systems

Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament (PSD2)

X'inhi l-PSD2?

Il-PSD2 hija Direttiva maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea li tirregola s-servizzi ta' pagament fl-Unjoni Ewropea kollha. Din id-Direttiva tibni fuq l-ewwel Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament li ġiet introdotta fl-2009 bl-għan li toħloq suq uniku għall-pagamenti fl-Unjoni Ewropea Il-PSD2 hi mfassla sabiex iżżid is-sigurtà fil-pagamenti, iżżid il-protezzjoni tal-konsumatur u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni.

Meta ser tidħol fis-seħħ?

Il-PSD2 daħlet fis-seħħ fit-13 ta' Jannar 2018.

X'inhuma t-tibdiliet ewlenin ta' din id-Direttiva?

Il-PSD2 ser tirregola lill-atturi ġodda tas-suq magħrufa bħala Fornituri ta' Terzi Persuni (TPPs). Il-PSD2 tidentifika żewġ tipi ta' TPPs: Fornituri tas-Servizz ta' Informazzjoni dwar il-Kontijiet (AISPs) u Fornituri tas-Servizz ta' Bidu ta' Pagament (PISPs). AISPs jipprovdu, bil-kunsens tal-klijent, ġabra sħiħa tal-kontijiet kollha ta' pagament tal-kljient miżmuma ma' banek differenti. PISPs jistgħu jibdew pagament f'isem klijient, bil-kunsens tal-klijent stess, mill-kont ta' pagament tal-klijent miżmum ma' bank partikolari.

Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ is-sigurtà u jitnaqqas il-frodi b'kard, il-PSD2 issaħħaħ awtentikazzjoni b'saħħitha tal-klijent u għalhekk ma għadhiex tippermetti lill-banek ikomplu joħorġu kards lokali tad-debitu li jużaw strixxa manjetika biss sabiex tinżamm l-informazzjoni tal-kard. Għal dan il-għan, il-kards lokali kollha tad-debitu tal-istrixxa manjetika biss bħall-Quikcash tal-HSBC, il-Cashlink tal-BOV u l-Premier tal-APS għandhom jiġu aġġornati għal EMV, komunement imsejħa teknoloġija biċ-Ċippa u l-PIN. Il-banek imsemmija qabel ser jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom fiż-żmien xieraq dwar it-triq 'il quddiem. Dawn it-tibdiliet ser iwittu t-triq 'il quddiem għall-introduzzjoni ta' kards mingħajr kuntatt, li jagħmlu pagamenti ta' valur baxx aktar effiċjenti.

Fl-aħħar nett, trasferimenti bankarji fejn kemm il-bank ta' min iħallas u kif ukoll il-bank ta' min jirċievi l-ħlas jinsabu f'pajjiż tal-EEA, ser jattiraw il-qsim taċ-charges, irrispettivament mill-munita. Dan ifisser li min iħallas għandu jħallas iċ-charges imposti mill-bank tiegħu, filwaqt li min għandu jirċievi l-ħlas għandu jħallas it-tariffi mitluba mill-bank tiegħu.

Kif ser jibbenefikaw il-konsumaturi minn din id-Direttiva?

Id-Direttiva l-ġdida tipprovdi aktar protezzjoni tal-konsumatur, fejn jekk klijent ikollu l-kard tiegħu mitlufa jew misruqa u jirriżulta li tkun saret tranżazzjoni frodulenti, il-klijent huwa obbligat biss li jħallas massimu ta' €50 sakemm il-klijent ma jkunx aġixxa b'qerq jew b'negliġenza kbira. Il-PSD2 tipprojbixxi wkoll li jintalab aktar ħlas milli suppost fuq pagamenti elettroniċi li jfissru tranżazzjonijiet irħas. Dan ifisser li n-negozjanti ma jistgħux jitolbu ħlas żejjed lil dawk li jagħżlu li jħallsu bi strument elettroniku bħal kard.

Sabiex jippromwovu aktar trasparenza, il-banek huma obbligati li jipprovdu rendikonti ta' kull xahar u annwali lill-klijenti tagħhom, bla ħlas, fil-forma elettronika jew stampata. Barra minn hekk, mat-terminazzjoni, il-banek huma obbligati li jipprovdu rendikont annwali tas-sena kalendarja ta' qabel flimkien ma' rendikont interim li jkopri l-perjodu mill-aħħar data tar-rendikont annwali sad-data tat-terminazzjoni tal-kont.

Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jressqu lment mal-bank li jkun relatat ma' allegat ksur tal-provvedimenti tal-PSD2. Il-bank hu obbligat li jwieġeb l-ilment fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol li jistgħu jiġu estiżi għal 35 jum tax-xogħol meta l-informazzjoni meħtieġa mhix fil-kontroll tal-bank. Jekk il-konsumatur ma jkunx sodisfatt bir-riżoluzzjoni tal-ilment, jista' jirrikorri għall-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim.

Titoli III u IV tal-PSD2 ġew trasposti fid-Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta' Malta dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta' Pagament. Direttivi ppubblikati mill-Bank Ċentrali ta' Malta skont l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta' Malta fir-rigward ta' servizzi ta' pagament individwali jinsabu hawn.

Fuljett maħruġ mill-Malta Bankers' Association