- Home
-
- Twissija dwar tentattiv ta' phishing
Twissija dwar tentattiv ta' phishing
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ġie infurmat li qed jiċċirkola tentattiv ġdid ta' phishing li għandu l‑għan li jikseb informazzjoni kunfidenzjali dwar kontijiet bankarji. Messaġġi li jidhru li qegħdin jintbagħtu mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta jidderieġu lir‑riċevitur lejn sit elettroniku ta’ phishing. Dan l-approċċ huwa qarrieqi – għaliex il‑Bank ma joħroġx kards jew ma joffrix kontijiet lill-pubbliku, jew jitlob tali informazzjoni dwar kards maħruġin minn, jew kontijiet ta’ klijenti miżmumin ma’, istituzzjonijiet ta’ kreditu. Kull min jirċievi korrispondenza bħal din għandu dejjem jipproċedi bil-kawtela u għandu jirrapporta kwalunkwe ittra suspettuża lill-awtoritajiet rilevanti.

_______________________________________________________________
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta rċieva diversi rapporti minn residenti f’Malta li rċevew telefonati qarrieqa permezz ta’ VIBER, WHATSAPP u sistemi oħra ta’ trażmissjoni tal-messaġġi u jixtieq javża lill‑pubbliku biex joqgħod attent.
Il‑profil ta’ min qed iċempel jidher bħala l‑Bank Ċentrali ta’ Malta - għalkemm in‑numru mhu marbut xejn mal-Bank, jista’ ma jidhirx, jew jista’ jkun numru barrani – u r-riċevitur jiġi mgħarraf li n-“numru tal-kont jew informazzjoni personali oħra huma meħtieġa” sabiex tinstab soluzzjoni għal xi problema. Telefonata oħra simili kienet marbuta ma’ kompetizzjoni, fejn talbet lin-nies jikkonfermaw in-numru tal-kont tagħhom sabiex jirċievu premju.
Jekk jogħġbok innota li l-Bank Ċentrali ta' Malta mhuwiex bank kummerċjali u ma joffrix kontijiet bankarji lill-pubbliku.
Il-pubbliku għandu joqgħod attent u qatt m’għandu jiżvela informazzjoni dwar il-kontijiet jew in-numri tal-PIN tiegħu lil xi ħadd fuq it-telefon.