Monetary Policy

L-għan ewlieni tal-politika monetarja - l-istabbiltà tal-prezzijiet

L‑għan ewlieni tal‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro hu l‑istabbiltà fil‑prezzijiet, li jimplika li għandhom jiġu evitati inflazzjoni u deflazzjoni fit-tul. L-istabbiltà fil-prezzijiet hi prekondizzjoni importanti għall‑fiduċja tan‑negozju u għat‑tkabbir sostenibbli tal‑ekonomija. L‑istabbiltà fil‑prezzijiet issostni l‑investiment u l‑impjieg, waqt li tkabbar ukoll il‑ġid ekonomiku. Fiż‑żona tal‑euro, l‑istabbiltà fil‑prezzijiet hi definita bħala rata ta' inflazzjoni ta' inqas minn, iżda qrib, it‑2% fuq żmien medju.

Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ifittex li jżomm l‑istabbiltà fil‑prezzijiet permezz ta' bidliet fir‑rati tal‑imgħax, li jaffettwaw deċiżjonijiet dwar it-tfaddil u l-investiment tal-individwi u kumpaniji. Ġeneralment, żieda fir‑rati tal‑imgħax tiskoraġġixxi l‑infiq, hekk kif rati ogħla tal‑imgħax jgħollu l‑ispejjeż tas‑self għall‑aġenti ekonomiċi, waqt li jħeġġu t‑tfaddil. Għalkemm b'intervall ta' żmien, it‑trażżin tal‑infiq li jirriżulta, idgħajjef id‑domanda aggregata u b'hekk inaqqas l‑inflazzjoni.

Minbarra dan, sa mill-2009 l-BĊE implimenta diversi miżuri straordinarji tal-politika monetarja li jinvolvu indikazzjonijiet għall-ġejjieni u programmi ta' xiri ta' assi, sabiex jikkomplimentaw il‑miżuri standard tiegħu tal-politika monetarja, partikolarment meta r-rati tal-imgħax nominali avviċinaw iż-żero.