News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
21/06/2024 13:21:00
Konferenza dwar ‘Competitiveness and Firm Productivity in a Disintegrating Global Economy’ fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta (il-Bank) flimkien mal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika (NSO), in‑Network għar‑Riċerka dwar il‑Kompetittività (CompNet), l-Istitut ta' Halle għar-Riċerka Ekonomika (IWH) u ċ-Ċentru għar-Riċerka dwar il-Politika Ekonomika (CEPR) ospitaw flimkien il-konferenza bit-titlu 'Competitiveness and Firm Productivity in a Disintegrating Global Economy', li saret bejn il-Ħamis 20 ta' Ġunju u l-Ġimgħa 21 ta' Ġunju 2024 fil-Bank, il-Belt Valletta.
Din il-konferenza kienet tikkonsisti f'numru ta' sessjonijiet li esploraw il-fatturi li jaffettwaw il-kompetittività u jiffukaw fuq kif materji relatati ma' tensjonijiet u kunflitti ġeopolitiċi jista' jkollhom riperkussjonijiet importanti fuq id-dinamiżmu sod, ir-reżiljenza u l-produttività, il-kompetittività u l-impjiegi. It-tisħiħ tal-Kompetittività tal-UE ġie identifikat mill-Kummissjoni tal-UE bħala għan ewlieni għall-futur tal-Unjoni.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna. Fl-istqarrija tal-ftuħ, il-Professur Scicluna qal li "il-materji tal-konferenza mhumiex biss kruċjali għall-istrateġiji ekonomiċi u tan-negozju tal-lum, iżda huma fatturi kruċjali tal-futur ekonomiku kollettiv tagħna, speċjalment hekk kif ninnavigaw il-kumplessitajiet ta' ekonomija globali li qed issir dejjem aktar frammentata". Il-President ta' CompNet, Filippo di Mauro, enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-Infrastruttura tal-Mikrodata (MDI) fl-Ewropa biex tkun tista' ssir analiżi preċiża relatata mal-kompetittività bejn il-pajjiżi.
F'dan il-kuntest, il-Professur Eric Bartelsman, Professur għall-Ekonomija fl-Università ta' Vrije introduċa l-MDI, għodda innovattiva żviluppata minn CompNet. Din l-għodda tippermetti lir-riċerkaturi u lil dawk li jfasslu l-politika jwettqu analiżi speċjalizzata fuq data armonizzata u granulari ħafna, u b'hekk javvanzaw il-preċiżjoni u l-profondità tar-riċerka ekonomika.
Id-diskors ewlieni sar minn Gianmarco Ottaviano, Professur għall-Ekonomija fl-Università ta' Bocconi li eżamina mill-ġdid u ddiskuta l-oriġini teknoloġika tal-vantaġġ komparattiv tal-UE, u nieda metodoloġija ġdida applikata għas-sett ta' data ta' CompNet.
Il-konferenza kienet tinkludi wkoll panel ta' diskussjoni ppresedut mill-President ta' CompNet, Filippo di Mauro, bit-titlu 'Fostering the European Competitiveness'. Parti mill-panel kien hemm Filiz Unsal, Kap tal-Analiżi tal-Politika Strutturali u r-Riċerka tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Pilar Castrillo, Kap tal-Analiżi Ekonomika u tas-Suq fi ħdan il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), Debora Revoltella, Chief Economist tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u Reint Gropp, President tal-IWH.

Ritratt: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju