News

News - Aġġornament Ekonomiku 2020

22/05/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 5/2020

Il‑biċċa l‑kbira tad‑data rrappurtata f’din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku tirreferi għal Marzu 2020, meta bdew ifiġġu l‑każijiet tal‑COVID‑19 f’Malta u żdiedu l‑miżuri ta’ trażżin relatati. L‑impatt tal‑COVID‑19 huwa evidenti wkoll fl‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku (ESI) tal‑Kummissjoni Ewropea u fl‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) għal April.

F’April il‑BCI tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta naqas meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel. Dan it-tnaqqis jimplika livelli ta’ attività ekonomika notevolment aktar dgħajfin mill‑medja storika.

Bl‑istess mod, l‑ESI naqas drastikament. Kien hemm tnaqqis fis‑sentiment fis‑setturi kollha, bl‑ikbar tnaqqis irreġistrat fis‑setturi tas‑servizzi u l‑kostruzzjoni.

F’Marzu, l‑attività fit‑turiżmu naqset sew b’riżultat tal‑miżuri ta’ trażżin u l‑projbizzjoni sussegwenti fuq vjaġġar introdotta fil‑21 ta’ Marzu b’reazzjoni għall‑COVID‑19. Kien hemm tnaqqis ukoll fil‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut, għalkemm dan kien bil‑wisq inqas minn dak fl‑attività fit‑turiżmu. Sadattant batta t‑tkabbir fil‑produzzjoni industrijali.

In‑numru ta’ nies qiegħda rreġistrati żdied f’Marzu. Madankollu, ir‑rata tal‑qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika.

L-inflazzjoni għall‑konsumatur telgħet bi ftit f’Marzu, għalkemm baqgħet f’livelli baxxi, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur titla’ għal 1.2%. Bl‑istess mod, l‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut telgħet bi ftit għal 1.1%.

Il‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li d‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel ma’ sena qabel, parzjalment minħabba d‑deċiżjoni tal‑Gvern li jiddifferixxi l‑ġbir ta’ numru ta’ taxxi fid‑dawl tal‑COVID‑19.

Din il‑pubblikazzjoni tirrapporta wkoll dwar l‑użu tal‑moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu sal‑aħħar ta’ Marzu b’reazzjoni għall‑COVID‑19. Il‑valur tas‑self lil familji u kumpaniji soġġett għal moratorju fl‑aħħar tax‑xahar kien ta’ €487.0 miljun, ekwivalenti għal 4.5% tas‑self pendenti relatat.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju