News

News - Aġġornament Ekonomiku 2020

24/04/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 4/2020

Din il‑ħarġa tal‑Aġġornament Ekonomiku kienet primarjament ikkumpilata abbażi ta' informazzjoni għal Frar, u għalhekk din il‑ħarġa għadha ma tirriflettix l-attività wara l‑ewwel każijiet tal‑COVID‑19 f'Malta. Madankollu, l‑indikatur dwar il‑kundizzjonijiet tan-negozju u l-indikaturi tas‑sentiment għal Marzu diġà bdew jirriflettu ftit mill‑impatt tal‑pandemija fuq l‑ekonomija.

F'Marzu, l‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) naqas meta mqabbel max‑xahar preċedenti, u kompla jissuġġerixxi li l‑ekonomija kienet qed topera taħt, iżda qrib il‑medja storika tagħha.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku (ESI) tal‑Kummissjoni Ewropea għal Marzu niżel ukoll u baqa' taħt il‑livell tiegħu tas‑sena preċedenti. Simili għall‑BCI, l‑Indikatur baqa' wkoll taħt il‑medja storika tiegħu. Kien hemm tnaqqis fis‑sentiment fis‑setturi kollha, apparti fis‑settur tal‑kostruzzjoni, bis‑setturi tal‑bejgħ u s‑servizzi jirreġistraw l‑akbar telf. L‑ESI rrifletta parzjalment ir‑rispons mogħti wara li feġġ il‑COVID‑19 f'Malta.

Fi Frar, it‑tkabbir annwali fl‑għadd ta' wasliet ta' turisti baqa' b'saħħtu u qrib dak irreġistrat xahar qabel. L‑iljieli mqattgħin u l‑infiq mit‑turisti żdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel. Il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut kiber ukoll b'rata iktar mgħaġġla, filwaqt li t‑tkabbir fil‑produzzjoni industrijali batta, iżda baqa' b'saħħtu.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli. Ir‑rata tal‑qgħad aġġustata għall‑effetti staġjonali kienet fil‑livell ta' 3.3% fi Frar, filwaqt li n‑numru tal‑impjegati kompla jikber b'ritmu qawwi, b'żieda ta' 5.7% fis‑sena sa Ottubru 2019.

Iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur battiet fi Frar, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur fil‑livell ta' 1.1% u r‑rata mkejla skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut fil‑livell ta' 1.0%.

Il‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li d‑defiċit fil‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali kiber fi Frar meta mqabbel mal‑istess xahar fl‑2019. Id‑dejn tal‑gvern żdied ukoll matul dan il‑perjodu, l‑aktar minħabba l‑ħruġ ta' Stokks ġodda tal‑Gvern ta' Malta u kif ukoll żieda f'Bills tat‑Teżor pendenti.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju