News

News - Aġġornament Ekonomiku 2020

23/03/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 3/2020

Din il-ħarġa tal-Aġġornament Ekonomiku hija bbażata fuq informazzjoni għall-ewwel xahrejn tal-2020, li kienet ippubblikata qabel ir-rappurtar tal-każijiet tal-COVID-19 f’Malta.

Fi Frar, l‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) batta ftit meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, u jissuġġerixxi li l‑kundizzjonijiet ekonomiċi baqgħu qrib il‑medja storika tagħhom.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea wkoll niżel u baqa’ taħt il‑livell fl‑istess xahar tas‑sena preċedenti. Simili għall‑BCI, l‑indiċi baqa’ wkoll taħt il‑medja storika tiegħu. It‑tnaqqis fis‑sentiment matul Frar kien xprunat l‑aktar minn tnaqqis fil‑fiduċja fl‑industrija. Is‑sentiment fost il‑konsumaturi u l‑bejjiegħa bl‑imnut ukoll naqas, għalkemm marġinalment. Sadanittant, kien hemm titjib fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u s‑servizzi.

B’kuntrast mas‑sitwazzjoni li probabbli tkun riflessa fid‑data għall‑ewwel xahar sħiħ wara li tfaċċa l‑COVID‑19 f’Malta, il‑ħarġa kurrenti tal‑Aġġornament Ekonomiku tirrapporta li f’Jannar kienet reġistrata żieda sinifikanti fil‑wasliet ta’ turisti u l‑infiq tagħhom. Madankollu, it‑tkabbir annwali, immodera meta mqabbel ma’ xahar qabel. L‑indiċi tal‑produzzjoni industrijali u l‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut żdiedu b’ritmu inqas mgħaġġel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli. Ir‑rata tal‑qgħad aġġustata għall‑effetti staġjonali kienet fil‑livell baxx ta’ 3.4% f’Jannar, filwaqt li n‑numru tal‑impjegati kompla jikber b’ritmu qawwi, żieda ta’ 5.7% fis‑sena sa Settembru 2019.

L‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsumatur baqgħet moderata. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur telgħet bi ftit għal 1.4% f’Jannar minn 1.3% fix‑xahar ta’ qabel. L‑inflazzjoni mkejla skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet fil‑livell ta’ 1.3%.

Il‑pubblikazzjoni tagħti ħarsa wkoll lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li d‑defiċit fil‑Fond Konsolidat kiber f’Jannar meta mqabbel mal‑istess xahar fl‑2019. Id‑dejn tal‑Gvern żdied ukoll matul dan il‑perjodu, l‑aktar minħabba żieda f’bills tat‑Teżor pendenti.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli hawn.

Lura lejn l-Arkivju