News

News - Aġġornament Ekonomiku 2020

21/02/2020

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 2/2020

F’Jannar, l-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju (BCI) ma nbidilx meta mqabbel max‑xahar preċedenti u kompla jissuġġerixxi li l-kundizzjonijiet ekonomiċi baqgħu qrib il-medja storika tagħhom.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea baqa’ taħt il‑livell tiegħu tas‑sena ta’ qabel iżda żdied b’mod qawwi, u rkupra l‑biċċa l‑kbira tat‑tnaqqis irreġistrat f’Diċembru. Simili għall‑BCI, l-indiċi kien kemxejn taħt il‑medja storika tiegħu. F’Jannar kien hemm titjib sinifikanti fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑bejgħ u s‑servizzi u, b’mod inqas, fl‑industrija u fost il‑konsumaturi.

L‑Aġġornament Ekonomiku jirrapporta tkabbir annwali sinifikanti fin‑numru ta’ wasliet ta’ turisti u fl‑infiq tagħhom f’Diċembru. L‑indiċi tal‑produzzjoni industrijali u l‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut żdiedu b’ritmu aktar mgħaġġel f’termini annwali.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew ikunu favorevoli. Ir‑rata tal‑qgħad aġġustata għall‑effetti staġjonali niżlet marġinalment għal 3.4% f’Diċembru, minn 3.5% fix‑xahar ta’ qabel. In‑numru ta’ persuni impjegati kompla jikber b’mod qawwi u tela’ b’5.2% f’Awwissu 2019.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur baqgħet l‑istess fil‑livell ta’ 1.3% Diċembru, filwaqt li r‑rata tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl l-aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, immoderat għal 1.2%.

Il‑pubblikazzjoni tagħti wkoll ħarsa lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li f’Novembru kien irreġistrat tnaqqis fl‑iżbilanċ fil‑Fond Konsolidat, meta mqabbel mal‑istess xahar fl‑2018. Madankollu, id‑dejn tal‑Gvern għalaq ix‑xahar f’livell ogħla f’termini assoluti meta mqabbel ma’ Ottubru 2019, wara ħarġa ġdida ta’ Stokks tal‑Gvern ta’ Malta.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑kummerċ internazzjonali u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju