News

News - Web Releases 2020

20/04/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jemenda d-Direttiva Nru 8

Fis‑7 ta' April 2020, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew ('BĊE'), li huwa l‑korp ewlieni responsabbli għat‑teħid tad‑deċiżjonijiet tal‑BĊE, adotta sett ta' miżuri kollaterali sabiex itaffi l‑issikkar tal‑kundizzjonijiet finanzjarji fiż‑żona tal‑euro.

Dawn il‑miżuri inkludew Linja Gwida BĊE/2020/21 ('il‑Linja Gwida') li emenda l‑Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati mal‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal‑Eurosistema u l‑eliġibbiltà tal‑kollateral.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta implimenta l‑Linja Gwida bis‑sħiħ permezz ta' emendi implimentati fid‑Direttiva Numru 8 ('id‑Direttiva') tiegħu dwar strumenti u proċeduri tal‑politika monetarja. Dawn l‑emendi jidħlu fis‑seħħ fl‑20 ta' April 2020.

L‑emendi għad‑Direttiva huma deskritti fil‑qosor hawn taħt:

  • L‑aċċettazzjoni ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin mill‑gvern ċentrali tar‑Repubblika Ellenika, minħabba li l‑Bank Ċentrali ta' Malta issa jista' jaċċetta bħala kollateral għall‑operazzjonijiet ta' kreditu tal‑Eurosistema, strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin minn dak l‑Istat Membru soġġett għal ċerti termini u kundizzjonijiet.
  • L‑introduzzjoni ta' livelli ta' valuation haircuts li japplikaw għat‑titoli msemmijin hawn fuq maħruġin mill‑gvern ċentrali tar‑Repubblika Ellenika.
  • L‑introduzzjoni ta' livelli ta' valuation haircuts li japplikaw għal titoli garantiti b'assi taħt Annex 14 tad‑Direttiva dwar miżuri temporanji addizzjonali li għandhom x'jaqsmu mal‑operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal‑Eurosistema u l‑eliġibbiltà tal‑kollateral.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, permezz tad‑Direttivi tiegħu maħruġin f'termini tal‑Att dwar il‑Bank Ċentrali ta' Malta, Kapitolu 204 tal‑Liġijiet ta' Malta, dejjem jassigura l‑implimentazzjoni effiċjenti u bla xkiel tal‑Linji Gwida tal‑BĊE li huma mmirati biex jissalvagwardjaw l‑istabbiltà finanzjarja u l‑operazzjonijiet tal‑politika monetarja tal‑Istati Membri, inkluża Malta.

Lura lejn l-Arkivju