News

News - Web Releases 2020

15/01/2020

Working papers tal-Bank Ċentrali ta’ Malta disponibbli fuq EconStor

Is‑serje ta' working papers tal‑Bank Ċentrali ta' Malta issa hija disponibbli fuq EconStor. Dan tal‑aħħar huwa servizz ta' pubblikazzjoni għal‑letteratura ekonomika pprovdut minn ZBW ‑ Leibniz Information Centre for Economics. EconStor huwa wieħed mill‑akbar repożitorji ta' studji dwar l‑ekonomija b'aktar minn 180,000 dokument disponibbli. Fost il‑parteċipanti f'dan is‑servizz, wieħed isib istituzzjonijiet magħrufin bħall‑Bank of England, il‑Bank of Canada, il‑Kummissjoni Ewropea, il‑Max Planck Institute, in‑National Bureau of Economic Research u l‑OECD. Il‑parteċipazzjoni tal‑Bank Ċentrali ta' Malta f'dan ir‑repożitorju internazzjonali hija xhieda tal‑kwalità tal‑pubblikazzjonijiet ekonomiċi tiegħu.

Din l‑inizjattiva, ikkoordinata mil‑Librerija tal‑Bank, hija waħda mill‑azzjonijiet meħuda mill‑Bank Ċentrali ta' Malta sabiex ir‑riċerka ekonomika tiegħu tkun aktar faċilment aċċessibbli għall‑pubbliku. Dan jikkumplimenta l‑inklużjoni tal‑Bank fid‑database ta' RePEc, repożitorju online għal‑letteratura ekonomika sponsorjat mid‑Diviżjoni tar‑Riċerka tal‑Federal Reserve Bank ta' St Louis. 

Is‑serje ta' working papers tal‑Bank Ċentrali ta' Malta tinsab hawn, u diġà tinkludi 38 studju ppubblikati bejn l‑2003 u l‑2019. Dawn l‑istudji jistgħu wkoll jitniżżlu mill‑paġna ddedikata fuq is‑sit tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jew minn RePEc.

Lura lejn l-Arkivju