News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

20/12/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 12/2019

In‑numru ta’ persuni b’impjiegi full‑time żdied bi 11,185 bejn Lulju 2018 u Lulju 2019, skont ir‑reġistru ta’ Jobsplus, żieda ta’ 5.4% fuq il‑perjodu ta’ tnax‑il xahar. Konformi mal‑iżviluppi f’dawn l‑aħħar xhur, it‑tkabbir fl‑impjiegi kompla jkun xprunat l‑aktar mis‑settur privat, li ġġenera żieda ta’ 10,484 ħaddiema full‑time, filwaqt li n‑numru ta’ ħaddiema impjegati full‑time fis‑settur pubbliku żdied b’701.

Sadanittant, id‑data ta’ Jobsplus turi li n‑numru ta’ persuni fuq ir‑reġistru tal‑qgħad kien ta’ 1,666 f’Ottubru, marġinalment inqas mill‑1,668 f’Settembru u l‑1,790 sena qabel.

F’dawn l‑aħħar xhur, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (BCI) baqa’ l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta’ qabel, li jissuġġerixxi li l‑ekonomija ma għadhiex topera f’kundizzjonijiet ta’ negozju ogħla min‑normal iżda qed tersaq qrib il‑medja storika. Il‑BCI ġie affettwat mit‑tnaqqis kontinwu fit‑tkabbir fil‑PDG u fil‑produzzjoni industrijali, tnaqqis aktar dgħajjef fil‑qgħad u tnaqqis fis‑sentiment fuq is-sena ta’ qabel. Dawn il‑fatturi ġew parzjalment megħluba minn tkabbir ftit aktar mgħaġġel fil‑wasliet ta turisti. B’kuntrast, is‑sentiment ekonomiku tela’ bi ftit u baqa’ ogħla mill‑medja storika tiegħu.

L‑inflazzjoni mkejla skont l‑HICP immoderat għal 1.4% f’Ottubru, minn 1.6% f’Settembru. 

L‑indikatur armonizzat tal‑kompetittività (HCI) ta’ Malta f’termini nominali naqas b’1.5% fis‑sena sa Ottubru. Id‑data tissuġġerixxi li l‑kompetittività internazzjonali ta’ Malta kienet milquta minn ċaqliq favorevoli fir‑rata tal‑kambju matul il‑perjodu, kif ukoll minn movimenti fil‑prezzijiet relattivi.

F’Ottubru 2019, il‑Fond Konsolidat irreġistra defiċit ta’ €27.7 miljun, żieda ta’ €0.6 miljun meta mqabbel mad‑defiċit irreġistrat f’Ottubru 2018, hekk kif żieda fl‑infiq għelbet bi ftit iż‑żieda fid‑dħul. F’Ottubru 2019, l‑istokk totali tad‑dejn tal‑gvern ammonta għal €5,261.3 miljun, żieda ta’ €5.8 miljun meta mqabbel ma’ xahar qabel.

 L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju