News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

19/07/2019 12:00:00

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 7/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑15 ta' Lulju 2019.

F'Ġunju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku żdied fuq ix‑xahar ta' qabel, hekk kif kien hemm titjib fil‑fiduċja fis‑setturi kollha, apparti fost il‑konsumaturi, għalkemm baqa' taħt il‑livell tas‑sena ta' qabel.

F'Mejju, in‑numru ta' turisti li żaru Malta u l‑infiq tagħhom żdied moderatament fuq l‑istess xahar tas‑sena preċedenti. Il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut żdied ukoll b'ritmu moderat, filwaqt li l‑produzzjoni industrijali kompliet tonqos f'termini annwali.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad baqgħu baxxi minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad baqgħet stabbli fl‑iżjed livell baxx ta' 3.5%.

F'Mejju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet fil‑livell ta' 1.7%. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, ukoll baqgħet stabbli fil‑livell ta' 1.9%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta fl‑aggregat monetarju wiesa' M3 kibru b'4.6% matul it‑tnax‑il xahar sa Mejju, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'5.6%.

F'Mejju l‑bilanċ pożittiv fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju