News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

17/06/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 6/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑10 ta' Ġunju 2019.

F'Mejju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku tela' bi ftit, hekk kif żieda fis‑sentiment fl‑industrija u fost il‑konsumaturi għelbet tnaqqis fis‑sentiment fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑imnut, tal‑kostruzzjoni u tas‑servizzi.

F'April, in‑numru ta' turisti li ġew f'Malta tela' moderatament fuq l‑istess xahar tas‑sena preċedenti. Madankollu, l‑infiq żdied b'mod qawwi fuq sena qabel wara li żdied marġinalment f'Marzu. Il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied ukoll b'ritmu aktar mgħaġġel. B'kuntrast għal dan, il‑produzzjoni industrijali naqset fuq sena qabel, għalkemm ir‑rata ta' tnaqqis kienet iktar dgħajfa minn dik f'Marzu.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati baqa' baxx minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad baqgħet l‑istess fil‑livell ta' 3.5%.

F'April, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) aċċellerat għal 1.7%, filwaqt li r‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet stabbli fil‑livell ta' 1.9%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta fl‑aggregat monetarju wiesa' M3 żdiedu b'6.1% matul it‑tnax‑il xahar sa April, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'5.8%.

F'April kien hemm tnaqqis fid‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

 

 

Lura lejn l-Arkivju