News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

16/05/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 5/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑10 ta' Mejju 2019.

F'April, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Madankollu, is‑sentiment ekonomiku naqas hekk kif naqset il‑fiduċja fis‑setturi kollha apparti fost il‑konsumaturi fejn kien hemm titjib fis‑sentiment.

F'Marzu, it‑tkabbir annwali fin‑numru ta' turisti li ġew f'Malta kien ftit ogħla minn dak ta' Frar, filwaqt li l‑infiq tagħhom żdied marġinalment fuq l-istess xahar sena qabel wara tnaqqis fi Frar. Il‑produzzjoni industrijali naqset f'termini annwali. Min‑naħa l‑oħra, il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied meta mqabbel ma' Marzu 2018.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli f'Marzu, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati baqa' baxx minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad niżlet bi ftit għal 3.5% minn 3.6% fi Frar 2019.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet l‑istess fil‑livell ta' 1.3%, filwaqt li r‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet stabbli fil‑livell ta' 1.9%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta fl‑aggregat monetarju wiesa' M3 żdiedu b'5.8% matul it‑tnax‑il xahar sa Marzu, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'5.1%.

Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit iżgħar f'Marzu meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju