News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

17/04/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 4/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' April 2019.

F'Marzu, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, iżda kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku naqas ukoll hekk kif ġie rreġistrat tnaqqis fil‑fiduċja fil‑biċċa l‑kbira tas‑setturi, bl‑eċċezzjoni tas‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut fejn kien hemm irkuprar fil‑fiduċja.

Fi Frar, in‑numru ta' turisti li ġew Malta żdied moderatament fuq sena qabel, filwaqt li l‑infiq mit‑turisti f'Malta naqas f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali naqset ukoll bi ftit f'termini annwali. Min‑naħa l‑oħra, il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied meta mqabbel ma' Frar 2018.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati baqa' baxx minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad telgħet bi ftit għal 3.5% minn 3.4% f'Jannar 2019.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.3% fi Frar minn 1.0% f'Jannar. Sadattant, ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, aċċellerat għal 1.9% minn 1.5%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta żdiedu b'7.1% matul it‑tnax‑il xahar sa Frar, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'6.3%.

Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit meta mqabbel ma' bilanċ pożittiv sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju