News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

15/03/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 3/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑13 ta' Marzu 2019.

Fi Frar, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta ftit meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku żdied hekk kif ġiet irreġistrata żieda fil‑fiduċja fil‑komponenti kollha, notevolment fi ħdan is‑setturi tas‑servizzi u tal‑bejgħ bl‑imnut.

F'Jannar, ir‑rata ta' bidla annwali tal‑attività fit‑turiżmu mmoderat meta mqabbla ma' Diċembru, filwaqt li t‑tkabbir sena fuq sena fil‑produzzjoni industrijali u fil‑bejgħ lill‑konsumaturi sar pożittiv.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati baqa' baxx minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad kienet stabbli fil‑livell ta' 3.8% meta mqabbla ma' Diċembru u Jannar 2018.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) naqset għal 1.0% f'Jannar minn 1.2% f'Diċembru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, ma nbidlitx u baqgħet 1.5%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta żdiedu b'5.5% matul it‑tnax‑il xahar sa Jannar, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'5.4%.

Sadattant, id‑defiċit tal‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali żdied fuq dak irreġistrat sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju