News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

15/02/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 2/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑13 ta' Frar 2019.

F'Jannar, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) kien stabbli meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku naqas hekk kif tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑industrija u s‑servizzi, kif ukoll fost il‑konsumaturi, għeleb żieda fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u l‑bejgħ bl‑imnut.

F'Diċembru, l‑attività fit‑turiżmu aċċellerat meta mqabbla ma' Novembru. B'kuntrast għal dan, kemm il‑produzzjoni industrijali u kif ukoll il‑bejgħ lill‑konsumaturi naqsu fuq is‑sena ta' qabel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati baqa' baxx minn perspettiva storika u r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos fuq il‑livelli tas‑sena l‑oħra.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) naqset għal 1.2% f'Diċembru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, battiet marġinalment għal 1.5%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta aċċelleraw għal 5.3% fis‑sena sa Diċembru, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'4.5%.

Sadattant, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit f'Novembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju