News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

17/01/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 1/2019

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑14 ta’ Jannar 2019.

Filwaqt li jkompli jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja, l‑Indiċi tal-Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta ftit f’Diċembru fuq ix‑xahar ta’ qabel. Is‑sentiment ekonomiku naqas hekk kif tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑industrija u l‑bejgħ bl‑imnut, kif ukoll fost il‑konsumaturi, għeleb żieda fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u s‑servizzi.

F’Novembru, l‑attività fit‑turiżmu żdiedet b’ritmu inqas mgħaġġel f’termini annwali. Kien hemm żieda fil‑produzzjoni industrijali, filwaqt li naqas il‑bejgħ lill‑konsumaturi fuq is‑sena ta’ qabel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta’ nies qiegħda rreġistrati baqa’ baxx minn perspettiva storika u r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos fuq il‑livelli tas‑sena l‑oħra.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) immoderat aktar għal 1.4% f’Novembru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet stabbli fil‑livell ta’ 1.6%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal-banek f’Malta żdiedu b’4.6% fis‑sena sa Novembru, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f’Malta żdied bi 3.5%.

Sadattant, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit fNovembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.

Lura lejn l-Arkivju