News

News - Web Releases 2019

11/12/2019

Workshop speċjalizzat dwar il-makroekonomija Bayesian fil-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Queen Mary University of London (QMUL), organizza workshop speċjalizzat ta’ tlett ijiem dwar il‑makroekonomija Bayesian. Din l‑inizjattiva hija waħda minn diversi inizjattivi edukattivi meħuda mill‑Bank bl‑iskop li jgħin fl‑iżvilupp professjonali tal‑impjegati tiegħu.

Il‑kors ingħata minn Dr Haroon Mumtaz, Professur tal‑Ekonomija fl‑iSchool of Economics and Finance ta’ Queen Mary University of London. Qabel ingħaqad ma’ QMUL, il‑Professur Mumtaz ħadem fil‑Bank of England u fil‑London Business School. Hu ppubblika diversi studji f’ġurnali akkademiċi speċjalizzati riveduti mill‑pari, inklużi l‑Journal of Monetary Economics, il‑Macroeconomic Dynamics, ir‑Review of Economic Dynamics, l‑International Journal of Forecasting u l‑Journal of Money, Credit and Banking.

Il‑workshop għaqqad flimkien sessjonijiet teoretiċi kif ukoll prattiċi. Impjegati mir‑Research Department, l‑Economic Analysis Department, il‑Financial Stability Department u mill‑Governor’s Office bbenefikaw minn din l‑inizjattiva ta’ taħriġ.

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qiegħed jimmira li jsir ċentru reġjonali ta’ eċċellenza speċjalizzata fit‑tagħlim, fit‑taħriġ u r‑riċerka permezz tan‑netwerk tiegħu li qed jikber ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet akkademiċi internazzjonali tal‑ogħla livell. Hemm pjanijiet għal aktar kollaborazzjoni ma’ QMUL, inkluż l‑għoti ta’ workshops speċjalizzati, internships u programm għall‑viżitaturi akkademiċi li huma ppjanati għas‑sena d‑dieħla. 

Workshop speċjalizzat dwar il-makroekonomija Bayesian fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Workshop speċjalizzat dwar il-makroekonomija Bayesian fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Lura lejn l-Arkivju