News

News - Web Releases 2019

08/10/2019

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-250 anniversarju tal-Università ta’ Malta

Sabiex tfakkar il‑250 anniversarju mit‑twaqqif tagħha fl‑1769, l‑Università ta' Malta ngħaqdet mal‑Bank Ċentrali ta' Malta sabiex toħroġ żewġ muniti kommemorattivi.

L‑edizzjoni limitata ta' munita tal‑fidda (valur nominali ta' €10), magħmula minn 925 fidda, qiegħda tinbiegħ għal €60, filwaqt li l‑edizzjoni limitata tal‑munita ram‑nikil (valur nominali ta' €5), magħmula minn 75% ram u 25% nikil, qiegħda tinbiegħ għal €25.

Il‑muniti juru l‑arma ċeremonjali tal‑Università ta' Malta inkluża l‑iskrizzjoni Latina "Ut Fructificemus Deo", kif ukoll il‑perjodu li qiegħed jiġi mfakkar, filwaqt li n‑naħa ta' wara turi l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta.

F'indirizz lill‑media waqt it‑tnedija uffiċjali tal‑munita, ir‑Rettur tal‑Università ta' Malta, il‑Professur Alfred J. Vella, tkellem dwar l‑istorja prestiġjuża tal‑istituzzjoni u aċċenna l‑irwol tal‑Papa Klement XIV u l‑Gran Mastru Pinto fit‑twaqqif mill‑ġdid tal‑università bħala istituzzjoni pubblika fl‑1769 bħala parti mill‑viżjoni tagħhom għal edukazzjoni ogħla.

L‑Università ta' Malta, stqarr ir-Rettur, hi kburija li ilha taqdi lin‑nazzjon għal dawn l‑aħħar 250 sena u bħalissa tilqa' aktar minn 11,000 student, b'aktar minn elf minnhom huma studenti internazzjonali.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, Dr Mario Vella, qal li l‑Bank kien onorat li kkollabora mal‑Università ta' Malta, istituzzjoni li l‑Bank jikkonsidra bħala sieħeb strateġiku importanti.

Il‑ħruġ ta' din il‑munita kommemorattiva jirrappreżenta aspett wieħed biss tas‑sinerġija bejn dawn iż‑żewġ istituzzjonijiet, li wkoll tkopri diversi inizjattivi edukattivi. Dr Vella rrimarka li kien qed jistenna bil‑ħerqa kooperazzjoni aktar ambizzjuża bejn iż‑żewġ istituzzjonijiet.

Numru ta' uffiċjali mill‑Università u mill‑Bank Ċentrali ta' Malta kienu preżenti waqt it‑tnedija, flimkien ma' mistednin distinti oħrajn.

Informazzjoni dwar il‑muniti tinsab online.

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-250 anniversarju tal-Università ta’ Malta

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-250 anniversarju tal-Università ta’ Malta

Ħruġ ta’ munita li tfakkar il-250 anniversarju tal-Università ta’ Malta

Lura lejn l-Arkivju