News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

14/11/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 11/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sad‑9 ta' Novembru 2018.

F'Ottubru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta ftit fuq ix‑xahar ta' qabel, filwaqt li kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku batta minħabba tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑imnut, tas‑servizzi, tal‑industrija u tal‑kostruzzjoni. B'kuntrast għal dan, il‑fiduċja fost il‑konsumaturi baqgħet fl‑istess livell.

F'Settembru, l‑attività fit‑turiżmu żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel f'termini annwali. Sadattant, kemm il‑produzzjoni industrijali, kif ukoll il‑bejgħ lill‑konsumaturi naqsu fuq is‑sena ta' qabel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos fuq il‑livelli tas‑sena l‑oħra.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.5% f'Settembru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, telgħet bi ftit għal 1.6%.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta aċċellerat għal 4.5%, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta baqa' l‑istess fil‑livell ta' 2.6%.

Sadattant, kien hemm tnaqqis fil‑bilanċ pożittiv tal‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju