News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

16/10/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 10/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑15 ta' Ottubru 2018.

F'Settembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess fuq ix‑xahar ta' qabel u kompla jindika kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku naqas marġinalment hekk kif tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u l‑industrija għeleb iż‑żieda fis‑sentiment fis‑setturi tas‑servizzi u l‑bejgħ bl‑imnut, u, b'mod inqas, fost il‑konsumaturi.

F'Awwissu, l‑attività fit‑turiżmu żdiedet b'ritmu moderat f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali żdiedet fuq l‑istess xahar tas‑sena l‑oħra, filwaqt li kien hemm tnaqqis fil‑bejgħ lill‑konsumaturi.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.4% f'Awwissu. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut, li huwa kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet f'livell iktar baxx ta' 1.1%.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta baqgħet l‑istess fil‑livell ta' 3.5%, filwaqt li t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta żdied marġinalment għal 2.6%.

Sadattant, kien hemm tnaqqis fil‑bilanċ pożittiv tal‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju