News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

16/08/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 8/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat-8 ta' Awwissu 2018.

F'Lulju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) żdied fuq ix‑xahar ta' qabel u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Bl-eċċezzjoni tal-konsumaturi, li fosthom il-fiduċja ekonomika baqgħet stabbli f'livell għoli, is-sentiment ekonomiku żdied, hekk kif ġiet irreġistrata żieda fil-fiduċja fost is-setturi l-oħra kollha.

F'Ġunju, l‑attività fit‑turiżmu kompliet tiżdied b'ritmu b'saħħtu f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali żdiedet fuq sena qabel, filwaqt li kien hemm tnaqqis fil‑bejgħ lill‑konsumaturi.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos u r‑rata tal‑qgħad tinżel għall‑iżjed livell baxx qatt irreġistrat.

F'Ġunju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.0%.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta battiet għal 4.5%, filwaqt li t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta aċċellera għal 3.0%.

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' dak irreġistrat f'Ġunju 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju