News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

18/07/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 7/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sas‑16 ta' Lulju 2018.

F'Ġunju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess fuq ix‑xahar ta' qabel u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku naqas bi ftit, hekk kif tnaqqis fis‑sentiment fi ħdan is‑setturi tal‑kostruzzjoni, tas‑servizzi u tal‑bejgħ bl‑imnut għeleb iż-żieda fil‑fiduċja fi ħdan l‑industrija u fost il‑konsumaturi.

F'Mejju, l‑attività fit‑turiżmu kompliet tiżdied b'ritmu b'saħħtu f'termini annwali. B'kuntrast għal dan, kien hemm tnaqqis fil‑produzzjoni industrijali u fil‑bejgħ lill‑konsumaturi.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos u r‑rata tal‑qgħad tinżel għall‑iżjed livell baxx qatt irreġistrat.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.7% f'Mejju.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta u t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta aċċelleraw għal 7.7% u 2.4% rispettivament.

Sadattant, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv meta mqabbel ma' defiċit f'Mejju 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju