News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

14/06/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 6/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' Ġunju 2018.

F'Mejju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta bi ftit fuq ix‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku żdied fis‑setturi kollha apparti fost il‑konsumaturi, għalkemm is‑sentiment fost il‑konsumaturi baqa' f'livell għoli minn perspettiva storika.

F'April, l‑attività fit‑turiżmu żdiedet b'ritmu b'saħħtu fuq is‑sena ta' qabel. B'kuntrast għal dan, kien hemm tnaqqis fil‑produzzjoni industrijali u fil‑bejgħ lill‑konsumaturi.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli. In‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos, bir‑rata tal‑qgħad tinżel għall‑iżjed livell baxx qatt irreġistrat.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit għal 1.4% f'April.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta battiet għal 4.6%, filwaqt li t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta kien fil-livell ta' 1.4%.

Sadattant, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit meta mqabbel ma' bilanċ pożittiv f'April 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju