News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

16/05/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 5/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' Mejju 2018.

F'April, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) b'mod ġenerali baqa' l‑istess fuq ix‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Madankollu, is‑sentiment ekonomiku naqas minħabba sentiment aktar dgħajjef fis‑setturi kollha.

F'Marzu, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu b'ritmu b'saħħtu f'termini annwali, filwaqt li kien hemm tnaqqis b'ritmu inqas mgħaġġel fil‑produzzjoni industrijali.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos u r‑rata tal‑qgħad tinżel għall‑iżjed livell baxx qatt irreġistrat.

F'Marzu, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet 1.3%, kif kienet fi Frar.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta battiet għal 5.7%, iżda t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta aċċellera għal 2.0%.

Sadattant, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit ikbar meta mqabbel ma' Marzu 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju