News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

17/04/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 4/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' April 2018.

F'Marzu, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta bi ftit fuq ix‑xahar ta' qabel, imma kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Bl‑istess mod is‑sentiment ekonomiku, għalkemm baqa' 'l fuq mill‑medja tiegħu fuq żmien twil, naqas matul ix‑xahar minħabba tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi kollha ħlief fis‑servizzi.

Fi Frar, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu b'ritmu b'saħħtu f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali naqset għat‑tieni xahar konsekuttiv.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jonqos f'termini annwali. Ir‑rata tal‑qgħad baqgħet fl‑iktar livell baxx qatt irreġistrat.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata fi Frar, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) titla' bi ftit għal 1.3%.

Ir-rata ta' bidla annwali tad-depożiti fil-banek tar-residenti f'Malta battiet għal 5.9% fi Frar, filwaqt li r-rata ta' tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta mmoderat għal 0.9%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv iżgħar meta mqabbel ma' Frar 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju