News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

16/03/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 3/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑13 ta' Marzu 2018.

Fi Frar, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess fuq ix‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku żdied. Dan kien jirrifletti titjib fis‑setturi kollha ħlief fis‑servizzi.

F'Jannar, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu f'termini annwali, filwaqt li l‑produzzjoni industrijali naqset bi ftit.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jonqos f'termini annwali, u r‑rata tal‑qgħad tinżel għal 3.5%, li huwa livell rekord baxx ġdid.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet għal 1.2% f'Jannar.

Sadattant, ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti tar‑residenti mal-banek f'Malta telgħet għal 7.9%, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'1.7%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑ewwel xahar tas‑sena l‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera defiċit iżgħar meta mqabbel ma' Jannar 2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju