News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

16/02/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 2/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑13 ta' Frar 2018.

F'Jannar, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) kien ftit inqas mil‑livell tiegħu fix‑xahar ta' qabel, għalkemm kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet aħjar mill‑medja. Bl‑istess mod is‑sentiment ekonomiku, għalkemm baqa' pjuttost 'il fuq mill‑medja tiegħu fuq żmien twil, naqas matul ix‑xahar minħabba tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi kollha ħlief fost il‑konsumaturi, fejn tela' għall‑iktar livell għoli rreġistrat.

F'Diċembru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu b'ritmu mgħaġġel f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali żdiedet marġinalment. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jonqos fuq bażi annwali. Ir‑rata tal‑qgħad baqgħet fl‑iktar livell baxx qatt irreġistrat.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet battiet f'Diċembru, hekk kif ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 1.3%.

Ir‑rata ta' bidla annwali tad‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta battiet għal 6.5%, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied bi 2.7%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv fl‑ewwel ħdax‑il xahar tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju