News

News - Aġġornament Ekonomiku 2018

17/01/2018

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 1/2018

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sas‑16 ta' Jannar 2018.

F'Diċembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess fuq ix‑xahar ta' qabel, bl‑attività tibqa' f'livelli ferm ogħla min‑normal. Is-sentiment ekonomiku żdied għall-iktar livell għoli rreġistrat, hekk kif tnaqqis fil-fiduċja fis-setturi tal-industrija u tal-bejgħ bl-imnut kien megħlub minn titjib fil-fiduċja fis-setturi tas-servizzi u tal-kostruzzjoni, u fost il-konsumaturi.

F'Novembru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali żdiedet b'mod moderat. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos, u r‑rata tal‑qgħad tibqa' fl‑aktar livell baxx irreġistrat.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet stabbilizzat f'Novembru, hekk kif ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet l‑istess fil‑livell ta' 1.5%.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 12.4% meta mqabbla ma' sena qabel, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied bi 2.5%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv fl‑ewwel ħdax‑il xahar tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju