News

News - Web Releases 2018

06/11/2018

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

Għal darb'oħra l‑Bank Ċentrali ta' Malta reġa' sponsorja lill‑impjegati tiegħu, flimkien mal‑membri familjari tagħhom, għall‑President's Solidarity Fun Run li saret nhar il‑Ħadd, 4 ta' Novembru 2018.

Dan l‑avveniment annwali, li issa daħal fl‑għaxar sena tiegħu, għandu l‑għan li jiġbor fondi għall‑Malta Community Chest Fund Foundation. Il‑fondi miġbura jingħataw waqt il-programm annwali televiżiv L‑Istrina li jsir l‑għada tal‑Milied.

Impjegati mill‑Bank, lebsin il‑flokkijiet kommemorativi, ingħaqdu mal‑eluf ta' parteċipanti minn erba' rotot differenti. Uħud ġrew ġirja ta' aktar minn 11‑il kilometru mir‑Rabat sal‑Belt Valletta, filwaqt li oħrajn imxew mixja ta' aktar minn erba' kilometri minn Santa Venera, mill‑Imsida jew minn Raħal Ġdid sa Pjazza San Ġorġ.

Fid‑diskors tagħha tal‑għeluq fi tmiem l‑avveniment, l‑Eċċellenza Tagħha l‑President Marie‑Louise Coleiro Preca qalet li l‑Maltin dejjem iwieġbu għas‑sejħiet biex tintwera solidarjetà, ġenerożità, rispett u mħabba. Hi aċċennat li t‑talbiet għall‑għajnuna mill‑Community Chest Fund Foundation jiżdiedu kuljum, u li qed jintefqu €800,000 fix‑xahar għall‑kimoterapija. Il‑President tkellmet dwar l‑ispiżi mbassra li huma mistennija jitilgħu għal €9 miljun, u żiedet li l‑edizzjoni ta' L‑Istrina ta' din is‑sena għandha bżonn tkun aktar b'saħħitha mis‑soltu.

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

L-Għaxar Edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run

Lura lejn l-Arkivju