News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

15/12/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 12/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑12 ta' Diċembru 2017.

F'Novembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) wera titjib żgħir fil‑livelli ta' attività fuq ix‑xahar ta' qabel. Is‑sentiment ekonomiku żdied ukoll, hekk kif titjib fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑imnut u l‑industrija, u fost il‑konsumaturi patta għal tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑kostruzzjoni u tas‑servizzi, għalkemm il‑fiduċja għadha f'livell għoli ħafna.

F'Ottubru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu b'pass inqas mgħaġġel f'termini annwali, filwaqt li kien hemm tnaqqis fil‑produzzjoni industrijali. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli. In‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos bi ftit.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet irpiljat f'Ottubru, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) titla' għal 1.5%.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 15.7% meta mqabbla ma' sena qabel, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta tela' bi ftit għal 2.7%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv żgħir fl‑ewwel għaxar xhur tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju