News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

14/11/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 11/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑10 ta' Novembru 2017.

Matul Ottubru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) wera titjib żgħir fil‑livelli ta' attività. Is‑sentiment ekonomiku żdied bi ftit, hekk kif titjib fil‑fiduċja fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑imnut u l‑kostruzzjoni, u fost il‑konsumaturi patta għal tnaqqis fil‑fiduċja fis‑setturi tas‑servizzi u l‑industrija.

F'Settembru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu aċċelleraw f'termini annwali. Il‑produzzjoni industrijali wkoll żdiedet fuq sena qabel. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli. L‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li l‑qgħad kompla jonqos.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) tibqa' l‑istess fil‑livell ta' 1.2% f'Settembru.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu b'10.1% meta mqabbla ma' sena qabel, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta kien fil‑livell ta' 2.6%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera bilanċ pożittiv fl‑ewwel disa' xhur tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

 

 

Lura lejn l-Arkivju