News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

16/10/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 10/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑11 ta' Ottubru 2017.

F'Settembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) wera titjib żgħir fil‑livelli ta' attività fuq ix‑xahar ta' qabel. Madankollu, is‑sentiment ekonomiku naqas bi ftit, hekk kif titjib fil‑fiduċja fil‑kostruzzjoni, fis‑servizzi u l‑industrija patta għal tnaqqis fil‑fiduċja fis‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut u fost il‑konsumaturi.

F'Awwissu, il‑bejgħ lill‑konsumaturi aċċellera f'termini annwali, filwaqt li l‑attività fit‑turiżmu kompliet tiżdied. Il‑produzzjoni industrijali wkoll żdiedet fuq sena qabel.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos fuq bażi annwali.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) tibqa' l-istess, fil‑livell ta' 1.2% f'Awwissu u f'Settembru.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 11.4% meta mqabbla ma' sena qabel, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu lil residenti f'Malta aċċellera għal 3.0%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera bilanċ pożittiv fl‑ewwel tmien xhur tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju