News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

15/09/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 9/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑14 ta' Settembru 2017.

F'Awwissu, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) wera titjib żgħir fil‑livelli ta' attività fuq ix‑xahar ta' qabel. Is‑sentiment ekonomiku żdied ukoll matul ix‑xahar, hekk kif tjiebet il‑fiduċja fis‑setturi kollha.

F'Lulju, il‑bejgħ lill‑konsumaturi kompla jiżdied fuq is‑sena ta' qabel, filwaqt li naqset il‑produzzjoni industrijali. B'kuntrast għal dan, l‑attività fit‑turiżmu kompliet tiżdied b'pass mgħaġġel.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos f'termini annwali.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) tkun fil‑livell ta' 1.2% f'Lulju.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 13.4% f'Lulju, filwaqt li t‑tkabbir annwali fil‑kreditu lil residenti f'Malta aċċellera għal 2.0%. Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali naqas fl‑ewwel seba' xhur tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju