News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

11/08/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 8/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sad-9 ta' Awwissu 2017.

F'Lulju, l‑Indiċi tal-Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) naqas bi ftit u wera livelli ta' attività iktar baxxi mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku naqas bi ftit matul ix‑xahar, hekk kif sentiment iktar dgħajjef fost il‑konsumaturi u fis‑setturi tal‑industrija u tal‑kostruzzjoni patta għal titjib fil-fiduċja fis‑setturi tas‑servizzi u tal‑bejgħ bl‑imnut.

F'Ġunju, il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied b'mod moderat f'termini annwali, filwaqt li l‑produzzjoni industrijali naqset bi ftit. B'kuntrast għal dan, l‑attività fit‑turiżmu kompliet tiżdied b'pass mgħaġġel.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif l‑impjiegi żdiedu u n‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) titbaxxa għal 1.0% f'Ġunju.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 11.6% f'Ġunju, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta batta kemxejn għal 1.0%. Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, id-defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali naqas fl-ewwel sitt xhur tal-2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju