News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

12/05/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 5/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sad‑9 ta' Mejju 2017.

Il‑kundizzjonijiet tan‑negozju baqgħu b'saħħithom, bl‑Indiċi rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) ikompli jkun f'livelli ta' attività ogħla min‑normal f'April. Is‑sentiment ekonomiku żdied bi ftit matul ix‑xahar minħabba titjib fil‑fiduċja fis‑settur tas‑servizzi.

F'Marzu, ir‑rata ta' bidla annwali tal‑bejgħ lill‑konsumaturi saret pożittiva, filwaqt li l‑produzzjoni industrijali u l‑attività fit‑turiżmu komplew jiżdiedu. Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, b'aktar tkabbir kontinwu fl‑impjiegi u aktar tnaqqis fil‑qgħad.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kienet stabbli fil‑livell ta' 1.2% f'Marzu.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu bi 11.8% meta mqabbla mal‑istess xahar tal‑2016, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied bi 2.7%.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera defiċit żgħir fl‑ewwel tliet xhur tal‑2017.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

Lura lejn l-Arkivju