News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

16/03/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 3/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑10 ta' Marzu 2017.

Il‑kundizzjonijiet tan‑negozju baqgħu favorevoli, bl‑Indiċi rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) ikompli jkun f'livelli ta' attività ogħla min‑normal fi Frar. Is‑sentiment ekonomiku żdied matul ix‑xahar, sostnut minn titjib fis‑sentiment fost kumpaniji li joperaw fis‑setturi tal‑bejgħ u s‑servizzi, u kif ukoll fost il‑konsumaturi.

F'Jannar, ir‑rata ta' bidla annwali tal‑bejgħ lill‑konsumaturi reġgħet saret pożittiva, filwaqt li l‑produzzjoni industrijali u l‑attività fit‑turiżmu komplew jiżdiedu.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos matul ix‑xahar.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.4% f'Jannar.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu b'10.1% meta mqabbla mal‑istess xahar tal‑2016, filwaqt li r‑rata annwali tat‑tkabbir tal‑kreditu lil residenti f'Malta battiet għal 1.3%.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju