News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

14/02/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 2/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑13 ta' Frar 2017.

Il‑kundizzjonijiet tan‑negozju baqgħu favorevoli, bl‑Indiċi rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) ikompli jkun f'livelli ta' attività ogħla min‑normal f'Jannar. Is‑sentiment ekonomiku naqas matul ix‑xahar, għalkemm baqa' f'livell għoli minn perspettiva storika.

F'Diċembru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi naqas f'termini annwali. Madankollu, il‑produzzjoni industrijali u l‑attività fit‑turiżmu komplew jiżdiedu.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati jkompli jonqos matul ix‑xahar.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) tkun fil‑livell ta' 1.0% f'Diċembru.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta komplew jiżdiedu b'pass mgħaġġel, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied bi 2.5% f'termini annwali.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju