News

News - Aġġornament Ekonomiku 2017

13/01/2017

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 1/2017

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sal‑10 ta' Jannar 2017.

F'Diċembru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) kien f'livelli ta' attività ogħla min‑normal. B'mod ġenerali, is‑sentiment ekonomiku żdied bi ftit matul ix‑xahar.

F'Novembru, il‑bejgħ lill‑konsumaturi u l‑attività fit‑turiżmu żdiedu f'termini annwali, iżda kien hemm tnaqqis fil‑produzzjoni industrijali.

Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bil‑qgħad ikompli jonqos matul ix‑xahar.

Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) ikunu fil‑livell ta' 0.8% u 0.7%, rispettivament.

Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu b'rata aktar mgħaġġla f'Novembru, filwaqt li battiet ir‑rata annwali tat‑tkabbir tal‑kreditu lil residenti f'Malta.

Rigward żviluppi fiskali, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali naqas fl‑ewwel ħdax‑il xahar tas‑sena, l‑aktar minħabba żieda fid‑dħul mit‑taxxi.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju