News

News - Aġġornament Ekonomiku 2016

09/12/2016

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 11/2016

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sas‑7 ta' Diċembru 2016.

B'mod ġenerali, is‑sentiment ekonomiku żdied bi ftit f'Novembru, minħabba titjib fis-sentiment fil-kostruzzjoni, servizzi u industrija.

Fir‑rigward tal‑attività ekonomika f'Settembru, il‑produzzjoni industrijali żdiedet bi ftit fuq is‑sena ta' qabel. L‑attività fit‑turiżmu u l-bejgħ lill‑konsumaturi komplew jiżdiedu matul Ottubru.

Il-kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, bir‑rata tat‑tkabbir annwali fl‑impjiegi titla' għal 4.7% f'Mejju. Il‑qgħad kompla jonqos f'Ottubru.

Iż-żieda fil‑prezzijiet baqgħet timmodera. F'Ottubru, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut  (RPI) kienu fil‑livell ta' 0.5% u 0.4%, rispettivament.

Sadattant, id‑depożiti fil-banek tar‑residenti f'Malta żdiedu b'rata inqas mgħaġġla f'Ottubru.

Rigward żviluppi fiskali, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfieq attwali naqas fl‑ewwel għaxar xhur tas-sena, l‑aktar minħabba żieda fid‑dħul mit‑taxxi.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju