News

News - Aġġornament Ekonomiku 2016

10/10/2016

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 9/2016

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑3 ta' Ottubru 2016.

B'mod ġenerali, is‑sentiment ekonomiku tjieb f'Settembru minħabba valutazzjoni aktar favorevoli mis‑setturi kollha barra tal‑kostruzzjoni.

Fir‑rigward tal‑attività ekonomika f'Lulju, il‑produzzjoni industrijali reġgħet naqset fuq is-sena ta' qabel. B'kuntrast għal dan, is‑settur tat‑turiżmu kiber f'Lulju u f'Awwissu. Il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied fix‑xahar ta' Awwissu, wara tnaqqis fix‑xahar ta' qabel.

Il‑qagħda fis‑suq tax‑xogħol baqgħet pożittiva ħafna, bir‑rata tat‑tkabbir fl-impjiegi tkun ta' 4.3% f'April. Sadattant, il‑qgħad kompla jonqos. Il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet baqgħu moderati. F'Awwissu, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut telgħu bi ftit għal 1.0% u 0.8%, rispettivament.

Id‑depożiti tar‑residenti f'Malta komplew jiżdiedu b'rata mgħaġġla f'Awwissu, filwaqt li battiet ir‑rata annwali tat‑tkabbir tal‑kreditu lil residenti f'Malta.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, id‑defiċit fuq il‑Fond Konsolidat naqas fl‑ewwel tmien xhur tas‑sena minħabba żieda fid‑dħul tat‑taxxa.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju